Waħda
mill-ewwel banda li twaqqfu f’Malta kienet il-Banda San Ġorġ ta’
Bormla. Hija waħda mill-aktar Soċjetajiet Filarmoniċi antiki u l-ewwel
waħda li twieldet fil-Kottonera. Għad li l-banda ta’ Bormla twaqqfet
uffiċjalment fl-1862, diġà kien jeżisti
minn snin qabel każin ta’ Għaqda Filarmonika fost każini oħra u qabel
din is-sena niltaqgħu kemm il-darba ma’ banda ċivili li ħadet sehem
diversi drabi fil-festi li kienu jsiru f’Bormla.
Sa mill-bidu tas-seklu
dsatax insibu li daqqet banda żgħira fil-Ġimgha l-Kbira, fis-Salib,
f’tal-Pietà li saret f’Santa Tereża, f’taċ-Ċintura u fil-Kunċizzjoni.
Okkażjoni tabilħaqq speżjali kienet meta l-banda Bormliża daqqet fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’Bormla wara li
l-Q.T. il-Papa Piju IX iddefinixxa d-Domma ta’ Marija Immakulata nhar
it-8 ta’ Diċembru fl-1854. Fil-jiem bejn it-12 u l-14 ta’ Jannar
tal-1955, il-banda “Ċittadina” mhux biss daqqet ġo Bormla imma wkoll
daqqet fil-Birgu u fl-Isla.
Is-Surmast Lorenzo Grima jieħu
importanza kbira billi jissema mhux biss bħala l-ewwel Surmast imma
wkoll bħala l-fundatur tal-banda. Jingħad li kompla l-kontribut
muċikali tiegħu f’Bormla u l-Kottonera billi kien jgħallem il-mużika
f’post fejn kien hemm Café Riche.
L-ewwel isem li kellha l-banda kien “La Banda dei Cospicuana”,
(il-banda tal-Bormliżi), isem li l-banda għada popolarment magħrufa bih
sal-lum meta jirreferu għaliha bħala “il-banda ta’ Bormla”. Għal xi
żmien f’dawn is-snin bikrija kienet magħrufa bl-isem “I Filarmonici Isouard”.
Il-banda bdiet miexja ’l-quddiem u fost l-ammiraturi tagħha kien hemm
in-Nobbli Giorgio Crispo Barbaro Marchesi di San Giorgio. Kien fis-16
ta’ Ġunju ta’ l-1880 li Giorgio Crispo Barbaro gie rikonoxxut bħala
Markiz Di San Giorgio wara l-mewt ta’ missieru. Il-Markiż okkupa l-kariga ta’ President u ftit wara l-banda ħadet l-isem ta’ “Società Filarmonica Nazionale Cospicuana San Giorgio”, isem li għada ġġib sa llum.
L-ewwel programm li niltaqgħu miegħu bl-isem il-ġdid ta’ “Filarmonica San Giorgio” sar nhar il-Ħadd, 14 ta’ Novembru ta ’l-1880, fi Pjazza Santa Margerita taħt id-direzzjoni tas-Surmast Carmelo Abela Farrugia.
Il-fama
li kisbet il-banda Bormliża kienet dovuta prinċipalment għat-tmexxija
tajba tal-kumitat u direzzjoni tas-Surmastrijiet Lorenzo Grima, Carmelo
Abela Farrugia u Gaetano Grech. Fl-1884, ġieli dderiġa wkoll
is-Surmast C. Farrugia Scolaro. Fost l-istess mużiċisti tagħha hemm
uħud li ġieli dderiġew ukoll fosthom, is-Surmast Ignatio Catanaia,
Spiridione Vassallo, Ġorġ Compagno, Pawlu Gauci, Carmelo Ciantar,
Carmelo Vella, William Abbott u Raymond Sciberras, is-Surmast
preżenti. Ma’ dawn insibu Surmastrijiet li dderiġew il-banda bħal
Angelo Melilli, Antonio Miruzzi, Carlo Diacono, Aurelio Doncich, Alfred
P. Hare, Antonio Polento,
Francesco Bellizzi, William J. Worley u Carmelo Ciantar. Ma’ dawn
wieħed irid iżid l-isem tas-Surmast Bormliż Paolino Vassallo li kien
Surmast lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.
Is-Soċjetà
kellha wkoll bħala Presidenti nies serji u rispettabli bħal Giuseppe
Bencini, l-Avukat Lorenzo Ellul, il-Kav. Dr. Giov. Felice Inglott,
l-Avukat Serafin Vella, il-Prof. Carmelo Mifsud Bonnici, il-Prof.
Joseph Ellul u l-Onor. Perit Duminku Mintoff li ilu jokkupa l-kariga
mill-1948.
Tul is-snin tal-ħajja tagħha s-Soċjetà Filarmonika
Cospicua dejjem ħadmet biex l-iskop li għalih twaqqfet jintlaħaq. Dan
huwa li jqanqal u jxerred l-istudju u l-kultura tal-mużika, isaħħah
it-twaqqif tal-banda f’Bormla u jħeġġeġ kull attività soċjali u kulturali fl-istess belt.
